Unveiling of Monument

Unveiling of Monument in Remembrance of Bryan Portelli.

On Sunday 3rd November 2013 the Nadur Local Council unveiled a monument at Kenuna Tower Street in honour of the late Bryan Portelli who was tragically left this world in a fireworks explosion.  

To see more photos press here

Below are the poem by Ines Buttigieg, the Mayor Charles Said's speech, words written by Joe Chircop for the occasion and the artist's (Hermine Sammut) interpretation of the monument.

Joe Chircop's Words

Naf min għamel isem bil-kotba li kiteb. Naf min baqa’ msemmi għall-opri tal-arti li ħadem. Naf min għadu jsaħħar lill-bosta bil-ħlewwa tan-noti miktuba. Naf min sar ikona għax mexxa bil-għaqal u ġab ‘il quddiem lill-oħrajn.

Naf min kien ta’ skola u ma kiteb qatt ktieb. Naf min l-arti ġo demmu u ma hu magħruf xejn. Naf min hu mużiċist u ma kiteb qatt nota. Naf min aktar ma jagħti, jixtieq aktar li jagħti.

Naf wieħed li dawwar karriera f’missjoni idewwi u jsabbar bla ma kien qatt tabib u bla ma kien qatt qassis. Naf wieħed li ferraħ lill-kotra u nissel tbissima bla ma kien qatt attur. Naf wieħed li b’ħafna paċenzja, bix-xogħol u bil-ħila, paxxa bosta għajnejn bla ma kien qatt skultur u lanqas pittur. Ħila u paċenzja li kibru b’imħabba sa ma ġrew ma’ demmu fil-vini ta’ ġismu. Ma kienx eremit li jistaħba fl-għerien. Kien jagħmel parti minn ġemgħa ta’ nies. Ġemgħa mdaqqsa. Mhix żgħira u mhix kbira. Ġemgħa li fiha ftit minn kollox. Tfal u adulti. Żgħażagħ u xjuħ. Irġiel u nisa. Bniet u subien.

Kulħadd kellu dmiru. Kulħadd kellu fehmtu fuq kulma jeżisti. Minbarra fuq ħaġa, li fuqha il-fehma tal-ġemgħa hi waħda w l-istess. Dil-ħaġa li tasal kull sena fil-qilla tas-sħana ta’ Ġunju. Fil-ġemgħa li tfakkar kull sena lil Pietru u ‘l Pawlu, naf wieħed li jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar, jagħmel xogħol mingħajr heda bla qatt joħlom li xi darba jitħallas. Tistenna dil-ġemgħa l-ġunata fil-qilla tas-sħana ta’ Ġunju, u tkun tista’ tilmaħ tbissima fuq wiċċ il-bniet u s-subien, it-tfal u l-adulti, iż-żgħażagħ u x-xjuħ, in-nisa w l-irġiel. Iżda l-ikbar tbissima tintlemaħ f’wiċċ dak li b’ħafna paċenzja, bix-xogħol u bil-ħila, għad li mhux skultur u lanqas pittur, ikun paxxa l-għajnejn tal-ġemgħa ferħana.

Naf ġrajja tal-biża li ħarbtet dar-ritmu u biddlet lill-ġemgħa ferħana mill-mod li fih għexet għal għexieren ta’ snin. Dil-ġrajja tal-biża ħasdet lill-ġemgħa mhux tant bil-ħsejjes li jtarrxu. Iżda l-iżjed li ħasdet dil-ġrajja, kienu l-ħajjiet tan-nies li tqaċċtu minn għeruqhom bla kliem u bla sliem. M’għadux jidher iktar ix-xogħol ta’ wisq ħila u l-ħafna paċenzja li jpaxxi l-għajnejn. M’għadux jidher iktar dak li dawwar karriera f’missjoni li jdewwi u jsabbar. M’għadux jidher iktar it-tbissim ta’ dak li ferraħ lill-kotra bla ma qatt kien attur. M’għadux jidher iktar dak li jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa u xahar wara xahar kien jagħmel sena xogħol għal dik il-ġurnata li tiġi kull sena fil-qilla tas-sħana ta’ Ġunju. Inbidlu l-ilħna tal-qniepen li jsejħu biex jiġbru lill-ġemgħa. Minn ilħna ferrieħa ġew ilħna newwieħa. Min-noti l-iktar ħelwin saru noti l-iktar kiebja.

Naf raġel li intom ilkoll tafuh sew. Għax hu jaf lilkom ilkoll sew. Baqa’ jafkom sal-aħħar. Baqa’ jafkom sat-tmiem. U jum wara jum, baqgħu nies din il-ġemgħa jitwensu u jwensu bla ħadd qatt ma lemħu iktar imkien. Imma fejn seta’ mar? Ħarab? Iżda le. Min ħarab kien beżżiegħ. Dan raġel qalbieni u wisq kuraġġuż. Tbiegħed minn hawn? Lanqas. Min tbiegħed reġa’ dar lura għax qalbu wisq kienet marbuta mal-ġemgħa. Min il-bieraħ beka għax il-ġrajja tal-biża ħasdet lil dan, sal-lum intesa ħesrem għax s’issa nħasad hu. U hekk, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar, dil-ġrajja baqgħet tbeżża. U iktar ma tbeżża, aktar jinħasdu nies. U iktar ma jinħasdu nies, iktar jintesew.

Illum sena wara mill-ġrajja tal-biża, jiena ma nsejtx. Intom ma nsejtux. Il-ġemgħa ma nsietx. Kif nista’ qatt ninsa? Kif nistgħu qatt ninsew? Għandi dmir ma ninsiex u għandna dmir ma ninsewx. Għandi dmir u għandna dmir, flimkien ma’ dil-ġemgħa li nibqgħu niftakru u nfakkru.

Illum sena wara mill-ġrajja tal-biża, dar-raġel li baqa’ jafkom sal-aħħar, sat-tmiem, m’għadux jidher. Illum sena wara mill-ġrajja tal-biża, dar-raġel li baqa’ jafkom sal-aħħar, sat-tmiem, ma ntesiex. Ma jidher imkien, iżda ma ntesa qatt.

Għalhekk dan il-mafkar imwaqqaf illum. Mhux wisq importanti l-irħam u il-ġebel, il-ħġieġ u ċ-ċeramika li minnu magħmul. Mhux wisq importanti it-triq fejn jitwaqqaf. Li huwa ta’ siwi, il-fatt illi twaqqaf. Biex jibqa’ imfakkar mill-ġemgħa mal-medda taż-żmien.

Insellem f’isimkom lil min ġabarna f’ismu. Żgur mhux biex nitnikktu iżda biex nibqgħu niftakru u nfakkru. Tislima lir-raġel li dawwar karriera f’missjoni, li paxxa l-għajnejn u ħoloq tbissima. Tislima lir-raġel li ma kienx tabib, qassis, pittur, skultur jew attur. Tislima lir-raġel li kien ħafna għal kollox u kollox għal ħafna.

Intemm dal-kelmtejn nistedinkom bil-ħerqa biex taħsbu fis-skiet.

Naf ġrajja tal-biża li llum m’għadhiex tbeżża.

Naf raġel li llum ma jidhirx - Għalkemm qatt ma ntesa.

Jekk tħarsu quddiemkom, maġenbkom, warajkom – dar-raġel tilmħuh u tħossuh u ssibuh.

Bryan - is-Sliem.

Grazzi

 

Poem by Ines Buttigieg

Monument lil Bryan Portelli

03 – 11 – 2013

Illum huwa jum specjali

Ghall-Kunsill w ghan-Nadurin

Ghalhekk hawn ingbarna kollha

Bi hsieb wiehed maqghudin

Monument b’tifkira tfassal

Sabiex tama jnissel fina

Ghaz-zaghzugh Bryan Portelli

Biex b’kuragg lilna jimlina.

Daz-zaghzugh se jibqa mfakkar

Ta kemm stinka ghal rahalna

Sahansitra tilef hajtu

Niket tieghu biss baqaghlna

Izda n-niket il-ferh niseg

Ta ghemilu bi tbissima

Halla tifkiriet ta mhabba

Lilna lkoll tana taghlima.

Illum xieraq li tislima

Naghtu ‘l Bryan u lin-Nadur

Biex barkiet, farag u paci

F’qalbna jnisslu kulma jmur.


Speech by Mayor Charles Said

Kxif ta’ Monument ad unur Bryan Portelli

Fost l-isbaħ valuri li bihom huwa mogħni l-bniedem hemm il-valur tar-rikonoxximent u tal-gratitudni … il-valur li jżomm ħajja l-memorja ta’ dawk li jħoss li għandhom jibqgħu mfakkra … ta’ dawk li jħoss li f’ħajjithom taw eżempju ta’ sens komunitarju u ċiviku qawwi, ta’ dawk li jistgħu jservu ta’ mudell għal nies oħra li jiġu warajhom.

Kien dan il-ħsieb tal-Kunsill Lokali tan-Nadur meta ddeċieda li jfakkar il-memorja ta’ Bryan Portelli b’monument. Monument li jirrappreżenta valuri li Bryan ħaddan u ħadem għalihom. Monument li se jibqa’ għal dejjem ifakkarna f’żagħżugħ Naduri li mhux biss ħassu parti mill-komunità tagħna iżda li għaliha kkontribwixxa sal-aħħar. U li kkontribwixxa b’ferħ u bi tbissima. Mingħajr ebda sens ta’ obbligu iżda b’sens ta’ pjaċir u ferħ ġenwin. Żagħżugħ li għaraf li l-lokalità kienet tatu ħafna u xtaq li jagħtiha lura dak li ħass li seta’ jagħtiha – l-entużjażmu tiegħu għall-festa tar-raħal, it-talent tiegħu fil-ħolqien tal-logħob tan-nar, il-ferħ tiegħu għal dak kollu li matul is-sena jferraħ lin-Nadurin u l-kburija li ħass dejjem għal dak kollu li hu Naduri.

Il-valuri ta’ Bryan huma l-istess valuri li ħaddnu dawk li għamlu lin-Nadur il-lokalità sabiħa li għandna llum. Huma dawk il-valuri li ħaddnu niesna meta ddeċidew li fil-qalba tagħha jibnu knisja monumentali li tagħmilhom kburin u li tagħti ġieħ lil San Pietru u lil San Pawl. Huma dawk il-valuri li ħaddnu niesna meta waqqfu l-komunitajiet li llum jagħmlu lin-Nadur benniena ta’ attività u ta’ talent matul is-sena. Dawk iż-żgħażagħ li ħaddmu biex waqqfu l-klabb tal-futbol tan-Nadur Youngsters; dawk iż-żgħażagħ li ħolmu u b’ħafna sagrifiċċji waqqfu l-Banda Mnarja; dawk iż-żgħażagħ li b’entużjażmu żejnu għal ġenerazzjonijiet sħaħ it-toroq tagħna biex ikunu l-għira tad-dilettanti kollha tal-armar fil-pajjiż; dawk iż-żgħażagħ li żammew ħajja – matul is-snin – iċ-ċentru parrokkjali, il-Mużew, l-għaqdiet filantropiċi, kulturali u soċjali.

Dan huwa monument għal Bryan, li fil-ħajja qasira li qatta’ magħna tana eżempju ta’ żagħżugħ altruwist li ried jikkontribwixxi. Li għaraf li n-Nadur ma kienx biss il-post fejn inzertaw qed jgħixu l-ġenituri tiegħu meta twieled iżda kien ferm aktar minn hekk. Kien parti essenzjali minnu, parti minn dellu, li kien ikaxkar miegħu kull fejn imur. In-Nadur kien il-post li kien iġib tbissima fuq fomm Bryan u li kien jentużjażmah biex ixammar il-kmien u jaħdem, ħafna drabi fis-silenzju matul is-sena, biex il-lokalità tagħna timxi ’l quddiem.

Iżda dan mhuwiex biss monument għal Bryan. Dan hu wkoll monument għall-altruwiżmu, monument għas-sens ċiviku, monument għall-entużjażmu, monument għat-tbissima ġenwina, monument għas-simpatija, monument għall-ħbiberija, monument għall-ġenerożità … monument għal dawk il-valuri li Bryan ħaddan u li għalihom se jibqa’ mfakkar.

Bryan ħalliena iżda jibqa’ jgħix fi qlubna u fil-memorja tagħna. B’dan il-monument il-Kunsill Lokali tan-Nadur xtaq li isem Bryan ma jintesa qatt. Dan il-monument se jfakkar lill-ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ tfal u żgħażagħ li n-Nadur jibqa’ għal dejjem grat għal dawk li jaħdmu, bla heda, biex jagħtuh lura ftit minn dak li jkun tahom.

L-okkażjoni tal-lum hija okkażjoni ta’ ferħ. Hija okkażjoni fejn, bħala komunità, qegħdin infakkru u nagħtu ġieħ lil wieħed minna, li ħalliena kmieni iżda li l-memorja tiegħu tibqa’ magħna għal dejjem.

 

 

 

  

FacebookTwitterDiggDeliciousStumbleuponGoogle BookmarksRedditLinkedinMixxRSS Feed